Qorti | Il-missier jitfa' ħafna mill-ħtija fuq l-omm, 'kienet tinstiga l-inkwiet'
Il-Maġistrat jgħid li hemm biżżejjed provi biex l-akkużat jitpoġġa taħt att ta' akkuża ...
More in Kronaka
Il-Maġistrat jgħid li hemm biżżejjed provi biex l-akkużat jitpoġġa taħt att ta' akkuża ...
Illum kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni dwar il-qtil doppju f’Ħal Għaxaq li ħalla bint u omm bla ħajja. L-akkużat huwa l-iben, Joseph Bonnici.
Fit-tmiem tas-seduta l-Maġistrat sostna li hemm biżżejjed provi biex Bonnici jitpoġġa taħt att ta' akkuża.
Missier l-akkużat, hekk kif kien qed jixhed, sostna illi bintu kienet qaltlu li meta kienet għadha żgħira ħuha (l-akkużat) kien stupraha u għal diversi drabi qaltlu li kienet se tirrapurtah. Huwa qal li ma kienx emmen li kienu seħħew affarijiet bħal dawn.
Darba Angele kienet qaltlu wkoll li kienet se tqabbad tliet kaċċaturi biex imorru l-għalqa ta’ ħuha Joseph, bl-iskop li jinqala’ l-ġlied.
Hu tefa’ kollox fuq martu u qal li kienet din li tinstiga ħafna inkwiet u li waslet biex hu jkun arrestat.
Qal illi fi tliet snin marret tarah biss tliet darbiet filwaqt li bintu kienet tmur tarah kull nhar ta' Sibt.
Hu qal li kienet tgħid kontra t-tfajla ta' ibnu u takkużaha li kienet qed tisraqilha l-affarijiet, fosthom kienet tgħid li kienet tisraqilha anke l-borom mill-kċina. Qal li hu kien jgħidilha biex ma toqgħodx tgħid dawn l-affarijiet, u li ma jistax ikun. Sostna li martu kienet il-problema ewlenija għal ħafna mill-affarijiet li nqalgħu fil-familja.
Ix-xhud qal li fit-8.30 a.m ipprova jċempel lil mara fuq it-telefon tad-dar u iktar tard fuq il-mobile, iżda kien kollu għal xejn. Kompla jgħid li pprova jċempel lit-tifla, u li wkoll ma qabadhiex. Qal li anke pprova jċempel it-tifel iżda ma qabdux.
Qal li ċempel lil oħtu, biex tmur tiċċekkja d-dar forsi t-telefon kien bil-ħsara. Wara ħafna ħin fl-aħħar irnexxielu jaqbad lit-tifel u qallu biex imur jiċċekkja d-dar. It-tifel kien qal lil missieru li ma jistax jidħol, b’missieru jispjegalu liema bieb għandu jkisser biex imur jara x’ġara u jmur flimkien maz-zija.
Xehdu numru kbir ta' nies, qabel ma mbagħad il-maġistrat iddeċieda li jpoġġi lil Bonnici taħt att ta' akkuża.
Għall-akkużat qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur John Spiteri. Il-kumpilazzjoni tax-xhieda se tkompli fit-3 ta’ Ġunju li ġej fid-9am u wara nofsinhar se jsir l-aċċess fl-għalqa u fir-residenza.