Imniedi ċentru terapewtiku għal adoloxxenti bi problema tad-droga
L-Arċisqof ta' Malta, Charles J. Scicluna jgħid li dan hu xhieda ta’ fiduċja bejn l-Istat u l-Knisja
More in Kronaka
L-Arċisqof ta' Malta, Charles J. Scicluna jgħid li dan hu xhieda ta’ fiduċja bejn l-Istat u l-Knisja
Medda ta' art kbira fil-limiti ta' Kandja se tinbidel f’ċentru terapewtiku għal adoloxxenti bi problema ta’ droga, b'investiment ta' aktar minn €3.3 miljun u €750,000 fis-sena sabiex ikun jista’ jopera dan iċ-ċentru.
Hu mifhum li dan se jilqa’ sa massimu ta’ 20 persuna, kemm ġuvintur kif ukoll tfajliet. Hu mgħammar bl-aqwa faċilitajiet sportivi flimkien ma’ spazji miftuħa u rikreattivi biex jiffaċilitaw it-triq tar-riabilitazzjoni.
F'konferenza stampa aktar kmieni illum, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li proġetti bħal dawn huma simbolu ta’ għaqda għax persuni minn spektru politiku differenti qed jaħdmu flimkien għal għan wieħed, dak li jagħtu direzzjoni ġdida lil tfal u lil adoloxxenti li jkunu waqgħu fil-vizzju tad-droga. Sostna li l-proġett hu xhieda wkoll ta’ kemm il-gvern u l-Knisja jaħdmu flimkien.
Fid-diskors tiegħu l-Arċisqof ta' Malta, Charles J. Scicluna qal li dan l-investiment qed isir bis-saħħa tal-Istat li għaraf jinvesti b’mod għaqli f’ċentru li se jgħin għexieren ta’ żgħażagħ vulnerabbli. Qal ukoll li dan hu xhieda ta’ fiduċja bejn l-Istat u l-Knisja.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, qal li dan iċ-ċentru għandu jagħti dimensjoni ġdida lir-riabilitazzjoni tad-droga speċjalment fost adoloxxenti vulnerabbli. Qal li numru ta’ professjonisti qed jingħataw taħriġ speċjalizzat anke permezz ta’ ftehim ma’ pajjiżi bħall-Irlanda.
Falzon qal li l-gvern żied l-allokazzjoni minn €3 miljun fis-sena 2013 għal €15-il miljun fl-2019, fejn jidħlu ftehimiet soċjali pubbliċi li l-maġġoranza tagħhom isiru ma’ NGOs li jaħdmu ma’ persuni vulnerabbli u bi problemi ta’ vizzji, speċjalment tad-droga.
Minn naħa tiegħu, id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt qal li Caritas Malta, li hi entità tal-Knisja, tħossha privilleġġata li ntagħżlet mill-gvern biex twaqqaf u tmexxi ċentru għal adoloxxenti bi problema ta’ dipendenza fuq sustanzi u għall-familji tagħhom.
Żied jgħid li ilha tinħass il-ħtieġa għal servizz bħal dan snin twal. Każijiet bħal dawn kienu jiġu rikoverati fl-Isptar Monte Karmeli jew b’deċiżjoni tal-Qorti jintbagħtu l-ħabs jew jispiċċaw jieħdu servizzi mal-adulti; min-nofs is-sena d-dieħla s-sitwazzjoni mhux se tibqa’ hekk. Gatt afferma li l-impenn ta’ kulħadd għandu jkun l-edukazzjoni, il-prevenzjoni u l-kura. Apprezza li dawn l-aħħar snin sar tisħiħ fis-servizzi u anke fil-liġi tal-2015 tar-riabilitazzjoni flok priġunerija.