Żewġ suldati tal-Forzi Armati ta' Malta wieġbu mhux ħatja li qatlu lil Lassana Cisse Souleymane u li ppruvaw joqtlu żewġ persuni oħra f'April li għadda f'Ħal Far.
Apparti minn hekk, l-istess żewġ żgħażagħ qed ikunu akkużati wkoll bl-attentat ta' qtil ta' immigrant ieħor fi Frar li għadda.
Fil-Qorti, li fetħet dalgħodu b'urġenza, il-Prosekuzzjoni saħqet li huwa ċar li l-qtil kien kollu kemm hu jew parzjalment motivat mir-razziżmu.
Francesco Fenech ta' 21 sena minn Wied il-Għajn u Lorin Scicluna ta' 22 sena, ġew arrestati lbieraħ.
L-awla tal-Qorti kienet mimlija bil-familjari tal-akkużat u tmien uffiċjali tal-pulizija.
Is-suldati akkużati wkoll bil-qtil ta' annimali u li ppubblikaw kliem ta' mibegħda
Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, il-Pulizija żvelat ukoll kif qed takkuża wkoll liż-żewġ suldati żgħażagħ bil-qtil ta' diversi annimali u li ppubblikaw regolarment kliem ta' mibegħda.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega kif l-akkużati , dakinhar tas-6 ta' Apil, kienu qed isuqu Toyota Startlet meta allegatament ġew sparati tiri lejn tliet persuni, fosthom Souleymane li miet fuq il-post.
Iż-żewġ persuni l-oħra sofrew ġieħi serji iżda minn dakinhar irkupraw tajjeb.
Wieħed mill-akkużati huwa reċidiv
Il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega kif l-akkużati ma kellhomx il-liċenzja neċessarja tal-Pulizija għall-arma tan-nar li użaw.
Intqal ukoll kif Scicluna huwa reċidiv hekk kif kien ingħata l-libertà kkundizzjonata fuq reat kriminali ieħor.
Il-Maġistrat spjegat lill-akkużati li l-akkużi li qed jiskontaw jistgħu jwassluhom biex jeħlu sa sena ħabs.
Id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.