Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-estradizzjoni ta’ Malti wara li kien inħareġ kontrih Mandat ta’ Arrest Ewropew mill-awtoritajiet Taljani.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti saħqet li t-talba li għamlu l-awtoritajiet Taljani kienet mimlija żbalji.
Ir-raġel li jaħdem fl-industrija tal-kummerċ bil-baħar kien imfittex mill-awtoritajiet Taljani wara li allagetament kien involut fi traffikar illegali.
Huwa kien arrestat fit-2 ta’ Mejju li għadda.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech osservat li l-awtoritajiet Taljani ma mxewx skont il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea u dawk Taljani stess.
Innutat ukoll li kien hemm diskrepanzi dwar il-post fejn allegatament seħħet l-attività illegali. Spjegat kif skont dik magħruf bħala x-Schengen Information System Alert, l-attivita illegali seħħet f’Katanja u f’ibħra internazzjonali iżda skont il-Mandat ta’ Arrest din seħħet f’diversi stati, fosthom Malta, l-Alġerija u l-Eġittu.
Mhux hekk biss, iżda l-Mandat ta’ Arrest, bi żball, kien qed jikkwota proviżjonijiet legali marbuta ma’ omiċidju.
Minħabba f’hekk u anke għax l-awtoritajiet Taljani ngħataw ċans darbtejn biex isolvi dawn in-nuqqasijiet u ma għamlu xejn, il-Qorti ma kellha l-ebda għażla ħlief li tirrifjuta t-talba.