Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tad-9:30 pm il-Pulizija ġiet infurmata li kienet għadha kemm iddaħlet persuna feruta ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.
Minn investigazzjonijiet preliminari illi saru mill-Pulizija tad-Distrett irriżulta li għall-ħabta tad-9:00 p.m raġel ta’ 58 sena mill-Maċedonja safa’ ferut b’arma li taqta’ u bil-ponta waqt li kien fi Triq il-Korp tal-Pijunieri, San Pawl il-Baħar.
Il-vittma ttieħed minnufih l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji. Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.