Illum għall-ħabta tat-15:20 pm raġel tilef ħajtu wara li sab ruħu f'diffikultà waqt li kien qiegħed jgħum f'Pretty Bay, Birżebbuġa.
Il-Pulizija ġiet infurmata mill-awtoritajiet tas-saħħa li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Pretty Bay f’Birżebbuġa minħabba li kien hemm persuna li tinstab f’diffikultà fil-baħar.
Minn stħarriġ preliminari li sar mill-Pulizija tad-Distrett, irriżulta li raġel ta’ 75 sena residenti Ħal Qormi kien qed jgħum fl-imsemmija bajja u sab ruħu f’diffikultà.
Ir-raġel ittella' l-art minn xi nies li kien hemm fuq il-bajja. Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa.
Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li tilef ħajtu.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.