Illum, għall-ħabta tal-11:30 a.m il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn lassistenza tagħha ġewwa Triq D’Argens, il-Gżira, minħabba li persuna kienet intlaqtet minn vettura.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel ta’ 55 sena residenti San Ġiljan, kien qiegħed isuq il-vettura tat-tip Renault Kangoo meta għal xi raġuni laqat mara ta’ 86 sena residenti l-Gżira.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lil mara l-isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard, hi ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ natura gravi. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.