Żagħżugħ ta’ 18 -il sena qed isofri minn ġrieħi gravi wara li waqa’ minn fuq ċint u spiċċa mal-art viċin pool fil-komun tal-appartamenti.
Għall-ħabta tas-5:45 am il-Pulizija kienet infurmata li hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa blokka ta’ appartamenti sitwati fi Triq Birkirkara, San Ġwann.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li ġuvni Taljan ta’ 18-il sena waqa’ minn fuq ċint ta’ madwar sular u spiċċa mal-art viċin pool li hemm fil-komun tal-appartamenti.
Tim mediku mill-Isptar Mater Dei kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili issejjħu fuq il-post sabiex jassistu liż-żagħżugħ. Huwa ttieħed immedjatament l-Isptar Mater Dei fejn għadu kemm ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.