Illum għall-ħabta tal-11:10 a.m il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Lapsi, San Ġiljan.
Il-Pulizija tad-Distrett u dawk mir-Rapid Intervention Unit marru minnufih fuq il-post fejn sabu raġel ta’ 25 sena, residenti San Pawl il-Baħar li kellu xi ġrieħi f’wiċċu. Minn investigazzjonijiet preliminari li saru, irriżulta li r-raġel, allegatament safa ferut permezz ta’ arma li taqta’ u bil-ponta waqt argument li kellu ma’ raġel ieħor li għandu 44 sena u joqgħod San Ġiljan.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn iktar tard ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi. Mara ta’ 32 sena, residenti San Ġwann li wkoll kienet involuta fl-argument u r-raġel ta’ 44 sena ma sofrew l-ebda ġrieħi. Is-suspettat għadu qiegħed jinżamm mill-Pulizija filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.