40 miljun sigarett tal-kuntrabandu ġew interċettati f’erba’ kontejners separati fil-Freeport.
Dawn ġew interċettati wara ħidma koordinata bejn diversi Taqsimiet tad-Dwana, fosthom il-Container Monitoring Unit, l-Intellectual Property Rights Unit u l-iScanning Team
Kull kontejner irriżulta li kien qed iġorr 10,000,000 sigarett għal total ta’ 40 miljun sigarett, jew, f’termini li jinfthiemu minn kulħadd, 2 miljun pakkett ta’ 20 sigarett il-wieħed.
Il-kontejners oriġinaw mill-port ta’ Pireaus, fil-Greċja, u kienu fi triqithom lejn il-port ta’ Misurata fil-Libja.
Id-Dipartiment tad-Dwana jinsab għaddej b’aktar investigazzjonijiet fuq dan il-każ u qiegħed jikkollabora ma’ Dwaniet internazzjonali.
Sadanittant, is-sigaretti kollha maqbuda rriżulta li huma wkoll kontrafatti wara li rappreżentanti legali f’Malta tal-kumpaniji right holders rispettivi, li huma propjetarji tal-marki reġistrati (trademarks), ikkonfermaw l-illegalita’ ta’ dawn il-konsenji, u kkonfermaw ukoll li tali importazzjoni tikkontravjeni id-dritt tal-propjeta’ intellettwali.
Il-kumpaniji propjetarji tal-marki reġistrati mistennija jippreżentaw rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpanija kontraventriċi.