Malta se tkun qed tagħti l-għajnuna tagħha biex jiġu evakwati tmien immigranti minn fuq il-bastiment tal-NGO Open Arms.
L-għaqda li ssalva l-immigranti fil-Mediterran talbet għall-għajnuna wara li żewġ immigranti nisa kellhom bżonn assistenza.
Fuq Twitter, l-NGO saħqet li Malta aċċettat li toffri l-għajnuna tagħha u għalhekk se tkun qed tevakwa kemm lin-nisa u anke lill-familjari tagħhom.
Aktar tard, din l-informazzjoni kienet ikkonfermata wkoll bi stqarrija tal-Forzi Armati ta' Malta.
Jidher li l-ewwel talba saret lill-awtoritajiet Taljani li iżda rrifjutaw l-għajnuna.
L-NGO salvat 123 immigrant fit-2 ta’ Awwissu li għandha.
Il-gwardji tal-kosta Taljani kienu evakwaw żewġ nisa tqal iżda l-immigranti l-oħra baqgħu bejn sema u ilma.
Intant, l-ekwipaġġ salva 39 immigrant ieħor. Malta offriet li teħodhom għax dawn instabu fiż-żona ta’ Tiftix u Salvataġġ ta’ Malta.
Madanakollu, il-fundatur ta’ din l-NGO rrifjuta u saħaq li s-soluzzjoni għandha tinstab għall-immigranti kollha.