Tmien persuni, fosthom tlett itfal ddaħlu l-isptar wara inċident tat-traffiku li seħħ fis-1am fi Triq l-Imġarr f’Għajnsielem.
L-inċident seħħ wara ħabta bejn vettura misjuqa minn mara ta’ 36 sena residenti n-Nadur u Norveġiż ta’ 43 sena residenti Kerċem.
Flimkien mal-mara ta’ 36 sena kien hemm mara Kanadiża ta’ 45 sena u tliet subien ta’ 9, 11 u 14-il sena rispettivament. Passiġġieri fil-vettura mar-raġel Norveġiż kien hemm raġel u mara barranin li l-identità tagħhom għadha mhux magħrufa.
Il-mara li l-identita tagħha għadha mhux magħrufa ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji u għalhekk ittieħdet Mater Dei permezz ta’ ħelikopter biex tingħata l-kura.
Iż-żewġ subien ta’ 9 u 14-il sena ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi, filwaqt li t-tifel ta’ 11-il sena flimkien ma' żewġ nisa ta’ 36 u 45 sena sofrew minn ġrieħi ħfief.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.