Ritratti | Tal-Karnival, tal-festa u tal-Ġimgħa l-Kbira maħsuda bil-mewt taċ-Chippy

Sa ġimgħa u nofs ilu, iċ-Chippy kien wieħed mir-reffiegħa ta' San Gejtanu

 

Bonett waqt il-purċissjoni ta' San Gejtanu. Ritratt: DV Photography
Bonett waqt il-purċissjoni ta' San Gejtanu. Ritratt: DV Photography

Malli nxterdet l-aħbar li kien tilef ħajtu traġikament Jean Paul Bonett, magħruf bħala ċ-Chippy, il-midja soċjali mtliet b'messaġġi ta' għaqdiet u persuni li ħadmu viċin tiegħu.

Ix-xokk kien evidenti fuq diversi persuni li kienu jafu liċ-Chippy u dawn ma kinux ftit, għax apparti li kien dilettant kbir tal-Karnival, iċ-Chippy kien ukoll iħobb ħafna l-festa ta' San Gejtanu u anke kien jerfa' fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tal-Belt Valletta.

Diversi għaqdiet tal-festa Ħamruniżi mlew Facebook b'messaġġi ta' tifħir biex isellmu lil Bonett, li sa ġimgħa u nofs ilu kien wieħed mir-reffiegħa tal-vara ta' San Gejtanu.

Sellmulu wkoll diversi fratelli tal-Arċikonfraternità tal-Kurċifiss tal-Belt Valletta, liema fratellanza tieħu ħsieb torganizza l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, li għal xi żmien, iċ-Chippy kien involut fiha wkoll.

Bonett tilef ħajtu traġikament wara li ħa xokk huwa u jagħmel dak li dejjem ħabb, jiġifieri jaħdem għall-Karnival.

Max-xokk, Bonett waqa' minn fuq il-karru li kien qed jaħdem fuqu u minkejja diversi tentattivi, huwa kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.

Intant, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival tas-Sajf li kellhom jibdew mil-lejla tħasru u ġew posposti għal data oħra li għadha trid titħabbar.

Bonett mar-reffiegħa tar-Redentur tal-Belt Valletta
Bonett mar-reffiegħa tar-Redentur tal-Belt Valletta
Bonett fil-Karnival
Bonett fil-Karnival

More in Kronaka