Aktar minn 5,000 siġra se jitħawlu fiċ-Chadwick Lakes
Il-Ministru Joe Mizzi tkellem dwar ix-xogħol intensiv li qed isir bl-għan ewlieni jkun li terġa’ tiġi ġenerata l-ekoloġija tal-Wied
More in Kronaka
Il-Ministru Joe Mizzi tkellem dwar ix-xogħol intensiv li qed isir bl-għan ewlieni jkun li terġa’ tiġi ġenerata l-ekoloġija tal-Wied
Ix-xogħol fuq il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Wied il-Qlejgħa jew kif inhu magħruf aħjar bħala Chadwick Lakes jinsab għaddej ġmielu u miexi b’ritmu mgħaġġel, b’iktar minn 53,000 m3 ta’ materjal tneħħa miż-żoni tal-ilqugħ li ilhom jiddepożitaw għal għexieren ta’ snin.
Dawn ix-xogħlijiet se jirriġeneraw iż-żewġ żoni ta’ wara l-ilqugħ biex joħolqu ħażna tal-ilma li tammonta għal 35 miljun litru. F’sena ta’ xita normali, din il-ħażna timtela madwar tliet darbiet, u għalhekk l-impatt kumplessiv se jwassal għal ħażna effettiva ta’ madwar 100 miljun litru ta’ ilma fis-sena. Dan jammonta għal madwar l-ammont ta’ ilma użat minn popolazzjoni ta’ villaġġi bħall-Kalkara u l-Gudja. Se jkun qed iwassal ukoll biex ikun sors ta’ ilma alternattiv għall-bdiewa taż-żona minflok ma jduru għall-ilma tal-pjan.
Dan tħabbar waqt żjara li saret fuq il-post mill-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia.
Il-Ministru Joe Mizzi tkellem dwar ix-xogħol intensiv li qed isir bl-għan ewlieni jkun li terġa’ tiġi ġenerata l-ekoloġija tal-wied. Għaldaqstant, speċi invażivi se jkunu qed jitneħħew u minflok jinżergħu pjanti endemiċi. Fil-fatt, iktar minn 5,000 siġra u arbuxelli se jitħawlu tul il-wied u għandhom itejbu l-ambjent tal-wied filwaqt li jwaqqfu milli tintilef il-ħamrija. Dan sar grazzi għall-ħidma konġunta mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia rrimarka l-bżonn ta’ spazji miftuħa fil-pajjiż u dan il-proġett li se jkun qed jiswa €5 miljun, se jkun qed jagħmel dan. Is-Segretarju Parlamentari spjega li din hi l-ikbar catchment area tal-ilma tal-pajjiż u permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet se jgawdu n-nies tal-lokal kif ukoll l-industrija tat-turiżmu. “Dan hu investiment fir-riżorsi naturali tagħna. Meta nispiċċaw mill-politika u nħarsu lura, ngħidu ħdimna għall-ġid ta’ pajjiżna,” qal Aaron Farrugia.
Il-Ministru Joe Mizzi żied li minħabba s-sensittività taż-żona, ix-xogħlijiet qed isiru biss fil-perjodu xott tas-sena u wara jkomplu fuq il-ħitan tas-sejjieħ u fiż-żoni fit-truf tal-wied. Hu mmirat li x-xogħlijiet jitlestew sa tmiem is-sajf tas-sena d-dieħla biex sal-aħħar tas-sena d-dieħla, il-familji u l-viżitaturi jkunu jistgħu jgawdu din iż-żona ta’ rikreazzjoni. Il-Ministru Mizzi rringrazzja lill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma li qed tikkordina l-proġett, flimkien mal-ħaddiema involuti f’dawn ix-xhur tas-sajf.
Manuel Sapiano, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma li qed timmaniġġja dan il-proġett, spjega li f’waħda miż-żoni tal-ilqugħ inġabru mal-4 metri fond ta’ materjal depożitat fi ftit ġimgħat u saħansitra ġie skopert passaġġ mal-ġenb tal-wied li kien oriġinarjament inbena lejn tmiem is-seklu 19. Dan se jiġi restawrat biex titjieb l-aċċessibbiltà taż-żona kemm għall-bdiewa u għall-viżitaturi.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, tkellem ukoll is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus li esprima s-sodisfazzjon tar-residenti Rabtin għal dan il-proġett nazzjonali li ddeskrivih bħala ħolma tar-Rabtin li qed issir fis-seħħ.