'L-investiment fl-irħula Għawdxin huwa pilastru importanti tal-Ministeru għal Għawdex'
Il-Ministeru għal Għawdex jħabbar investiment ta' €100,000 ġew allokati għall-proġett fix-Xagħra.
More in Kronaka
Il-Ministeru għal Għawdex jħabbar investiment ta' €100,000 ġew allokati għall-proġett fix-Xagħra.
Waqt konferenza stampa l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret proġett ġdid li ser jitwettaq flimkien mal-Kunsill Lokali tax-Xagħra, biex id-dwal kollu li hemm fid-daħla tar-raħal, fi Vjal 8 ta’ Settembru, jinbidel. L-iskop wara dan il-proġett huwa biex ikollna inqas konsum ta’ enerġija, u allura iktar effiċjenza u inqas tniġġis ikkaġunat mid-dawl. Apparti l-aspett ambjentali, hemm ukoll l-aspett urbanistiku, u għalekk d-daħla tar-raħal ser tiġi msebbħa kif jixraq.
“L-istrateġija ta’ Eko-Għawdex għalhekk qed narawha sseħħ b’diversi modi u f’kull rokna ta’ Għawdex, u allura qed nikkollaboraw ukoll mal-Kunsill lokali tax-Xagħra, fejn il-Ministeru għal Għawdex qed jiffinanzja 80% tal-proġett b’investiment ta’ mitt elf ewro” qalet il-Ministru Caruana.
L-investiment fil-komunitajiet u l-irħula Għawdxin huwa pilastru importanti tal-Ministeru għal Għawdex, mhux b’inqas fix-Xagħra, fejn matul din il-leġislatura l-Ministeru għal Għawdex diġà investa bis-sħiħ f’din il-lokalità. Il-Ministru għal Għawdex fakkret kif saret Triq Għajn Ħosna, li mix-Xagħra tieħu sar-Ramla, u għaddejjin ix-xogħlijiet fi Triq Ġorf, Triq Masri, Triq Gajdoru u Triq il-Kummittivà, flimkien mal-masterplan għall-pjazza tax-Xagħra li qed tiġi pjanata u Triq Marsalforn.
Il-Ministru Caruana rrimarkat li ma’ dawn il-proġetti infrastrutturali ta’ importanza, hemm proġetti soċjali li qed jiġu imwettqa, ewlieni fosthom il-proġett soċjali tan-Night Shelter fin-Nazzarenu, li huwa parti mis-servizzi għall-anzjani offruti mill-Ministeru għal Għawdex, kif ukoll kollaborazzjoni qawwija mal-għaqdiet tar-raħal biex insaħħu ċ-ċittadinanza attiva.
Caruana qalet ukoll li l-Ministeru għal Għawdex qed jinvesti bis-sħiħ fl-ambitu kulturali, u semmiet fost l-oħrajn attivitajiet reċenti li sostna l-Ministeru għal Għawdex, fosthom il-festival tal-ħut, Calypsoed, Gozo Half Marathon, Noti mis-Sema, festival tat-tin u r-reenactments li jsiru kull ġimgħa.
Minn naħa tiegħu s-Sindku tax-Xagħra Christian Zammit qal li, bħala kunsill, inħasset il-ħtieġa li tinbidel is-sistema tal-illuminazzjoni ta’ Vjal 8 ta’ Settembru fix-Xaghra, li kienet ġiet mibdula madwar 20 sena ilu. F’dawn l-aħħar snin, kien qed jidher sew l-effett tal-elementi tan-natura fuq l-istess arbli u sistema tad-dawl.
Zammit irringrazzja lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana tal-kollaborazzjoni li qegħda dejjem tissaħħaħ bejn il-Ministeru u l-Kunsill Lokali tax-Xagħra.