Tliet persuni arrestati wara li ppruvaw jisirqu dar fis-Swieqi
Ġimgħatejn ilu din il-gazzetta żvelat li l-pulizija tinvestiga marki suspettużi fuq id-djar
More in Kronaka
Ġimgħatejn ilu din il-gazzetta żvelat li l-pulizija tinvestiga marki suspettużi fuq id-djar
Tliet persuni li allegatament kienu qed jippruvaw iwettqu serqa minn residenza fis- Swieqi, ġew arrestati kmieni dalgħodu fuq il-post wara li l-Pulizija wieġbu mill-ewwel għall-sejħa ta’ għajnuna.
Ġimgħatejn ilu din il-gazzetta żvelat kif il-Pulizija kienet qed tinvestiga numru ta’ marki li nstabu mad-djar fis-Swieqi u li allegatament jintużaw minn gangs kriminali u professjonali fis-serq.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li kompliet bil-ħidma kontra l-kriminalita’ organizzata meta għall-ħabta tat-3:15hrs am il-Pulizija rċevew telefonata mingħand persuna li waqt li kienet fid-dar tagħha fi Triq Żejni, fis-Swieqi, semgħet xi ħsejjes suspettużi ġejjin minn barra.
Meta ttawlet mit-tieqa, hija nnutat lil xi ħadd jidħol fir-residenza tagħha. Hija rrapportat ukoll li quddiem ir-residenza kien hemm vettura suspettuża, startjata u fiha kien hemm xi persuni.
Minnufih fuq il-post marru erba’ Pulizija tad-Distrett. Hemmhekk sabu l-vettura rrapportata għadha startjata u fiha kien hemm żewġ persuni.
Il-Pulizija ċċirkondaw il-vettura u ordnaw lil dawk li kienu fiha biex jitfgħu l-vettura immedjatament u joħorġu minnha.
Iżda minflokk, ix-xufier saq b’lura biex jaħarbu bil-konsegwenza li ħabat f’vettura li kienet ipparkjata. Il-Pulizija bdew jipprovaw iwaqqfu l-karozza u jiftħu l-bieba tal- vettura, bil-konsegwenza li Surġent tal-Pulizija weġġa’ ħafif.
Il-Pulizija rnexxielha tarresta liż-żewġ persuni li kienu fil-karozza, u fl-istess ħin, ġiet arrestata t-tielet persuna hekk kif ħarġet mir-residenza.