Minkejja li issa għaddew kważi erba’ xhur minn meta John Paul Charles Woods ħa lill-pulizija fejn il-fdalijiet umani fil-Belt Valletta, li mbagħad instabu li kienu ta’ Charlene Farrugia, il-pulizija għadhom ma ressqux lil Woods. Dan minkejja li sorsi li kienu tkellmu mal-midja lura f’Lulju, kienu qalu illi dan l-arrest kien se jsir fi ftit żmien ieħor.
Sorsi fil-Korp tal-Pulizija sostnew ma’ din il-gazzetta illi sa issa l-Pulizija għadha mhix kunfidenti biżżejjed biex ittella’ lil Woods il-Qorti b’akkużi relatati mal-qtil ta’ Farrugia.
Minkejja dan, sors ieħor spjega illi l-problema mhix il-Pulizija imma l-fatt li l-inkjesta dwar dan il-każ għadu għaddej u l-fatt li l-pulizija ma jistgħux iressqu lis-suspettat jekk ma tkunx konkluża l-inkjesta.
Dan apparti li jidher illi kif konna diġà rrappurtajna, l-eks maħbub ta’ Farrugia għadu suspettat.
Din il-gazzetta kienet żvelat illi ftit qabel ma kienet irrapportata nieqsa 11-il sena ilu, il-pulizija kienu ġabru lil Farrugia f’Buġibba wara li kienet qalgħet xebgħa, allegatament mill-eks maħbub tagħha, li mhux darba jew tnejn xellef difrejh mal-liġi, speċjalment fuq droga. Hi kienet instabet fi Triq Efesu, fejn hemm l-appartament li kienet tgħix fih.
F’Lulju John Paul Charles Woods kien inqabad u ġie arrestat waqt li kien qed jisraq minn supermarket. Kien l-istess Woods li ħa lill-pulzija fil-post fejn instabu l-fdalijiet ta’ Charlene wara li ddiskuta dan il-każ meta kien qiegħed iservi f’detenzjoni f’Monte Carmeli.
Kienet ukoll din il-gazzetta li żvelat il-mod stramb kif persuna, li wara rriżulta li hija Farrugia, kienet dehret fuq il-kameras CCTV dieħla l-Belt, imma qatt ma reġgħet dehret ħierġa.