Raġel ta’ 23 sena residenti fl-Isla ġie arrestat wara li allegatament ħebb għal Spettur tal-Pulizija waqt kontroll tat-traffiku tal-Pulizija li sar matul il-lejl illi għadda f’Ħaż-Żabbar. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-01:30 a.m..
Wara li s-sewwieq twaqqaf biex issir tfittxija fil-vettura tiegħu, ir-raġel ħareġ mill-vettura u beda jkun aggressiv fil-konfront tal-Pulizija, kif ukoll tas-suldati. Waqt li kien qed jiġi arrestat ir-raġel ħebb għall-Ispettur, bil-konsegwenza li kkawżalu xi ġrieħi.
L-istess raġel irriffjuta li jieħu t-test tal-kampjun tan-nifs (breathalyzer). Ir-raġel ġie skortat lejn il-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l-Floriana għall-aktar investigazzjonijiet.
Huwa mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin.
Waqt l-istess kontrolli, f'vettura ta' mara ta' 28 sena minn Ħaż-Żabbar instabet sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis . F’vettura oħra misjuqa minn raġel ta’ 25 sena miż-Żejtun instabet ukoll sustanza suspettata kannabis.
Barra minn hekk, kien hemm ukoll żagħżugħ ta’ 18-il sena minn Ħaż-Żabbar inqabad isuq vettura bla liċenzja. Miegħu fil-vettura kien hemm żagħżugħ ta’ 19-il sena minn Ħaż-Żabbar. Fil-karozza nstabu sustanzi suspettati kokaina u kannabis.
Iktar minn hekk, kien hemm raġel ta’ 44 sena minn Raħal Ġdid li twaqqaf mill-Pulizija hekk kif allegatament kien se jipprova jsuq minn fuq il-post wara li ngħata sinjal biex jieqaf. Huwa ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u anke rriffjuta li jagħmel it-test tal-kampjun tan-nifs. Numru ta' sewwieqa ta’ vetturi oħra twaqqfu wara li nstabu jsuqu bla liċenzja tas-sewqan u li kienu qed isuqu taħt l-influwenza tal-alkoħol.
Il-Pulizija se tkun qed toħroġ akkużi fil-konfront ta’ dawn il-persuni.