Tliet irġiel kienu arrestati fir-Renju Unit b'konnesjoni ma' serqa ċibernatika ta' €13-il miljun mill-Bank of Valletta fi Frar tas-sena l-oħra.
Il-hackers kien irnexxielhom jidħlu fis-sistemi tal-bank lokali f'kontijiet barranin, biex imbagħad ftit mill-flus kontanti ntefqu f'affarijiet bħal arloġġ tat-tip Rolex u karozza. Fil-fatt madwar €950,000 kienu trasferiti għal kontijiet f'Londra u Belfast, fl-Irlanda ta' Fuq u inġibdu b'kollox €403,314, qabel ġew imblukkati l-flus.
Dan ħabbritu l-Aġenzija tar-Renju Unit kontra r-Reati (NCA).
David Cunningham, il-kmandant tal-fergħa f'Belfast qal illi l-investigazzjoni iffukat fuq numru ta' individwi "li aħna nissuspettaw illi kienu qed jaħslu l-flus f'isem grupp ta' kriminalità organizzata."
Dawn it-tlieta kienu arrestati f'Belfast u Londra wara investigazzjoni konġunta bejn l-NCA u t-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi filp-Korp tal-Pulizija Malti.