Il-Korp tal-Pulizija huwa responsabbli biex jiddeċiedi jekk ikeċċix lil pulizija tat-traffiku li ġew arrestati fl-aħħar sigħat hekk kif għaddejja investigazzjoni dwar allegat abbuż fis-sahra.
Dan qalu l-Ministru responsabbli mill-Intern, Byron Camilleri wara li fi stqarrija l-Pulizija kkonfermat l-arresti. Hu mifhum li għexieren ta’ uffiċjali tal-pulizija ġew arrestati u sospiżi minn xogħolhom.
Mistoqsi minn MaltaToday, Camilleri saħaq li jekk dawn jinstabu ħatja, huwa f’idejn il-Korp biex jiddeċiedi jekk ikeċċihomx jew le.
Camilleri ma qalx in-numru eżatt ta’ kemm ġew arrestati Pulizija. Qal biss li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejja u n-numru eżatt ikun magħruf f’każ li dawn jitressqu l-Qorti.
Intant, fi stqarrija, il-Pulizija qalet li tħejja pjan ta’ kontinġenza biex fin-nuqqas ta’ dawn l-uffiċjali, jibqa’ jkun assigurat l-infurzar tal-liġi.