Aġġornata: Priġunier anzjan jinstab mejjet fiċ-ċella tiegħu
Il-priġunier, li għandu 72 sena, ta' nazzjonalità Maltija, instab mejjet fiċ-ċella tiegħu
More in Kronaka
Il-priġunier, li għandu 72 sena, ta' nazzjonalità Maltija, instab mejjet fiċ-ċella tiegħu
Dalgħodu priġunier instab mejjet fiċ-ċella tiegħu tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.
Il-priġunier, li għandu 72 sena, ta' nazzjonalità Maltija, instab mejjet fiċ-ċella tiegħu.
Fi stqarrija, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi qalet li infurmat minnufih lill-Pulizija tad-Distrett biex jinvestigaw u nħatret inkjesta bil-Maġistrati tal-Għassa.
Għaddejja wkoll inkjesta interna.
Il-PN jisħaq li l-Ministru għall-Intern għandu jerfa r-responsabbilità għal kull mewta
Intant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista fakkar li din hija t-tmien mewta fil-ħabs f'inqas minn sentejn u fi kliemu din hija "rata allarmanti."
"Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li dwar kull mewta li seħħet fil-Faċilità Korrettiva għandha toħroġ il-verità kollha dwarha. Il-PN qed jinsisti li l-awtortajiet tal-ħabs jagħtu wkoll rendikont ta' kif u għaliex seħħet kull mewta u fuq kollox setgħux dawn l-imwiet ġew evitati," saħaq il-kelliem tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami.
Fi kliemu, minkejja r-riforma fil-ħabs, fil-Faċilità Korrettiva għad hemm "problema kbira ta' iffullar u nuqqas kbir ta' professjonisti u staff anċillari sabiex jaraw illi s-saħħa tal-priġunieri kollha tiġi mħarsa bl-aħjar mod."
"Għandha wkoll tintrefa' r-responsabbiltà minn min huwa responsabbli għal dan il-kollass. Il-Ministru għall-Intern tal-Gvern Laburista għandu jifhem li għal kull mewta li qed isseħħ fi-ħabs huwa politikament responsabbli, u din ir-responsabniltà għandha tintrefa'," insista Fenech Adami.