Żewġ ġuvintur u żewġ tfajliet qed jinżammu taħt arrest wara li matul il-lejl li għadda pprovaw jaħarbu mill-Pulizija bil-vettura li kienu fiha, sakemm is-sewwieq tilef il-kontroll u ħabat f’ħajt fi Triq il-Kappella f’San Ġwann.
Iż-żewġ ġuvintur għandhom 16 u 19-il sena minn Bormla u Ħaż-Żabbar, filwaqt li t-tfajliet għandhom 18 u 26 sena u huma minn Bormla u Ħal Qormi rispettivament.
Mill-investigazzjoni li saret sa issa, jirriżulta li l-liċenzja tal-vettura l-pjanċi tar-reġistrazzjoni li nstabu fuq il-vetturi kienu nsterqu minn fuq żewġ vetturi fil-jiem li għaddew.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11:15pm, meta l-Pulizija lemħu karozza ssuq one way fi Triq Nazzarenu f’Tas-Sliema.
Meta lemaħ lill-Pulizija, is-sewwieq ħarab minn fuq il-post fejn ħabat ma’ Land Rover Discovery li kienet ipparkjata.
Il-Pulizija baqgħet issegwih sakemm tilef il-kontroll.
Is-sewwieq ma sofra l-ebda ġrieħi, filwaqt li t-tliet passiġġieri ttieħdu l-isptar. It-tfajla ta’ 26 sena sofriet ġrieħi gravi, waqt li t-tfajla ta’ 18 u l-ġuvni ta’ 16-il sena sofrew ġrieħi ħfief.
Fil-pussess tas-sewwieq instabet sustanza, x’aktarx droga.