80 ħaddiem barrani nstabu li kienu qed joqogħdu f’lukanda f’Tas-Sliema u dan minkejja li suppost din hija magħluqa b’avviż ta’ infurzar.
Wara rapporti li waslu quddiem l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, f’din il-lukanda nstabu 80 ħaddiem li qed jaħdmu fuq proġett lokali.
L-Awtorità ordnat li dawn jiġu akkomodati f’post ieħor. Fil-fatt, skont l-awtoritajiet, il-kumpanija li qed tħaddem lill-impjegati sabitilhom post alternattiv fejn dawn jgħixu.
Ġie vverifikat ukoll li dawn kollha ġew Malta qabel id-data li bdiet tapplika l-kwarantina obbligatorja.
Il-każ jinsab għand l-awtoritajiet tas-saħħa biex isiru aktar verifiċi.