Aġġornata | Suppost kienu d-dar iżda nqabdu jbiegħu s-sigaretti tal-kuntrabandu mill-karozza

Kemm is-sigaretti u anke l-karozza ġew ikkonfiskati

 

Żewġ persuni, mara ta’ 55 sena u raġel ta’ 57 sena, it-tnejn minn Tal-Pieta’, qed jinżammu mill-Pulizija għall-aktar investigazzjonijiet b'rabta ma' bejgħ ta' sigaretti tal-kuntrabandu. Huma ġew arrestati waqt ħidma li twettqet mill-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun flimkien ma' uffiċjali tad-Dwana.

Kien għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar meta l-Pulizija li kienu qegħdin waqt ronda fi Triq Patri Magri, il-Ħamrun, innutaw vettura tat-tip Peugeot b’mara viċin tagħha li kienet qegħda tagħti u tgħodd xi flus. 

Il-Pulizija avviċinaw minnufih l-imsemmija vettura u saret tfittxija fiha. Fuq wara tal-vettura nstabu numru ta’ grossos tas-sigaretti tal-kuntrabandu u xi flus. 

Waqt din it-tfittxija ġie raġel li ried jieħu xi flus milll-vettura. Huwa nżamm ukoll mill-Pulizija għall-aktar investigazzjonijiet.

Waqt li l-investigazzjonijiet kienu għaddejjin fuq il-post, persuna anonima għaddiet xi informazzjoni lill-Pulizija li dawn iż-żewġ persuni, allegatament kienu qed iżommu ammont ta’ sigaretti oħra f’xi post ieħor.

Iż-żewġ persuni qed jinżammu mill-Pulizija sabiex jassistu fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin mill-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun

More in Kronaka