Jarmu d-droga barra mit-twieqi tal-karozza malli jilmħu lill-Pulizija

Id-droga kienet kollha kemm hi sintetika kokaina, kannabis, erojina u crack

Waqt spezzjonijiet tat-traffiku li seħħew ilbieraħ fi Triq it-Tlett Ibliet f’Bormla, il-Pulizija sabet ammont sostanzjali ta’ droga.

Kien għall-ħabta tal-11:00pm meta l-Pulizija nnutaw vettura tieqaf ftit ‘il bogħod minnhom u l-persuni li kienu fiha jaġixxu b’mod suspettuż. 

Il-Pulizija mxew lejn il-vettura u malli ra dan is-sewwieq mexa ftit ‘il quddiem.

Madanakollu l-Pulizija ċċekkjaw ilpost fejn oriġinarjament waqfet il-vettura u hemm instabu boroż b’sustanza suspettata droga. Aktar tard irriżulta li din kienet droga sintetika kokaina, kannabis, erojina u crack.

Il-Pulizija ordnat lill-erbat irġiel u t-tliet tfajliet li kienu fil-vettura, li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn is-16 u t-23 sena biex joħorġu u ssir tfittxija fuqhom.

Fuq iż-żagħżugħ ta’ 16-il sena nstab multi purpose tool.

Il-Pulizija sabet ukoll li x-xufier ma kellux liċenzja valida u lanqas ma kellu polza tal-assigurazzjoni valida għalih.

Dwar din is-sejba ġiet nfurmata l-Maġistrat tal-Għassa, filwaqt li l-investigazzjonijiet mill- Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla u tar-RIU dwar dan il-każ għadhom għaddejjin. 

More in Kronaka