Raġel imut waqt li kien fil-Lock-Up tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija

Ir-raġel kien twaqqaf aktar kmieni wara li nstab li kien il-pussess ta’ sustanza allegatament droga

Raġel ta' 35 sena miet waqt li kien qed jinżamm fil-Lock-Up tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li għall-ħabta tal-erbgħa nieqes għoxrin ta' filgħodu nnutaw li r-raġel kellu bżonn l-għajnuna għax deher li kien qiegħed ibati minn ‘fit’.

Minnufih bdiet tingħata l-assistenza medika u anke intużat AED, filwaqt li ssejjaħ tim mediku fuq il-post.

Mal-wasla tat-tim mediku, dawn komplew jassistu lil din il-persuna, iżda minkejja kull tentattiv, ir-raġel ta’ 35 sena residenti l-Imtarfa, tilef ħajtu.

Ir-raġel kien twaqqaf aktar kmieni għall-ħabta tan-nofssiegħa ta’ filgħodu (0030hrs), minn żewġ units tar-Rapid Intervention Unit (RIU) li kienu fuq ronda u nstab li kien fil-pussess ta’ sustanza allegatament droga.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.

 

More in Kronaka