Raġel arrestat wara li pprova jweġġa’ żewġ Pulizija tar-RIU fl-Imqabba

Malli l-pulizija ordnaw lix-xufier joħroġ mill-karozza, prova jaħrab billi jsuq fuqhom ... 

Matul il-lejl illi għadda, waqt ronda fil-limiti tal-Imqabba, il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit arrestat ġuvni ta’ 23 sena, wara li pprova jsuq għal fuq il-pulizija meta twaqqaf minħabba li kien qiegħed isuq b’veloċitá eċċessiva.

Kienu għall-ħabta tas-1:00 a.m, x’ħin il-Pulizija nnutaw vettura tal-għamla Opel Astra tinstaq b’manjiera perikoluża fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, fl-Imqabba. Iż-żewġ Uffiċjali li kienu fil-vettura tas-servizz resqu mal-ġenb sabiex jevitaw ħabta u kien hawn li bdew isegwu l-karozza, iżda s-sewwieq injora s-sirena u żied fil-veloċità. Il-pulizija rnexxielhom iwaqqfu l-vettura fi Triq il-Belt Valletta, fl-Imqabba u ordnaw lix-xufier joħroġ immedjatament minnha.  Minkejja dan huwa pprova jaħrab billi jsuq għal fuqhom.

Il-Pulizija tar-RIU rnexxielhom iżommu lix-xufier u ħarġuh mill-karozza, madankollu baqa’ jkun aggressiv fil-konfront tagħhom u ma bediex jikkopera, bil-ġuvni jallega wkoll li kien bela xi sustanzi illegali. Għaldaqstant issejħet ambulanza li ħaditu l-Isptar Mater Dei għal kura meħtieġa.

Iż-żewġ Pulizija tar-Rapid Intervention Unit ingħataw kura fiċ-Ċentru tas-saħħa tal-Furjana fejn aktar tard ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

More in Kronaka