Fi stqarrija l-Pulizija qalu illi Melvin Theuma, li kien l-isptar għall-aħħar ġimgħat, kien rilaxxat u mibgħut lura f'daru
Theuma - s-sensar fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u li ngħata l-maħfra Presidenzjali biex jikxef id-dettalji tal-każ - instab fid-dar tiegħu fis-Swieqi x-xahar li għadda mħanxar, b'daqqiet ta' sikkina fuq il-polz u anke fl-istonku. Minkejja diċeriji għall-kuntrarju l-Pulizija kkonfermaw li dawn għamilhom Theuma stess fuqu nnifsu. L-Ispettur Keith Arnaud qal li kif seta', meta wasal fejn sar ir-reat, Theuma indikalu li kien hu li għamel il-ġrieħi fuqu nnifsu.
Theuma kien ilu jixhed fil-każ u mhux l-ewwel darba rriżulta li kien qed ibati minn ansjetà u kien maħkum mill-biża'. Darba kien saħansitra qal illi jekk il-qattiela ta' Caruana Galizia jingħataw il-ħelsien mill-arrest huwa jneħħi ħajtu.