Ħalliel li l-Pulizija rnexxielha titraċċa, ipprova jattakka b’sikkina lill-uffiċjali malli dawn daħlu fl-appartment fejn kien qed jistaħba fil-Balluta.
Dan kien wieħed minn żewġt irġiel li ġew arrestati fl-aħħar jiem b’rabta ma’ każijiet separati ta’ serq.
Raġel minnhom, Libjan ta’ 38 sena residenti San Pawl il- Baħar, ġie identifikat li wettaq żewġ serqiet minn residenzi privati fiż-Żebbuġ, u f’San Pawl il-Baħar.
Kien dan ir-raġel li pprova jattakka lill-Pulizija meta nstab f’appartament fil-Balluta. Il-Pulizija kkontrollawh mill-ewwel u ġie arrestat.
Ir-raġel l-ieħor, ta’ 30 sena residenti Ħal Tarxien, ġie arrestat fiż-Żejtun f’inqas minn 24 siegħa wara li seħħ il-każ.
L-investigazzjonijiet urew li r-raġel kien l-aggressur f’serqa fuq żewġ persuni waqt li kienu qiegħdin fi Triq Id-Dugh, f’Wied il-Għajn nhar it-8 t’Awwissu, 2020.
Allegatament, ir-raġel uża taser biex ibeżża’ lill-vittmi.
Aktar tard illum, il-Pulizija se tressaq b’arrest lil dawn il-persuni quddiem il-Magistrat Axiaq.