Raġel ta’ 56 sena residenti l-Mellieħa, qiegħed jingħata l-kura fl-Isptar Ġenerali ta’Għawdex għal ġrieħi gravi li sofra f’argument.
Ilbieraħ, għall-ħabta tas-6:00 p.m, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm argument fuq il-vapur ta’ Għawdex. Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kien seħħ argument bejn ir-raġel ta’ 56 sena u ieħor ta’ 33 sena mill-Olanda, residenti Ħal Luqa.
Minħabba li r-raġel ta’ 56 sena sofra xi ġrieħi, tim mediku ġie msejjaħ fil-port tal-Imġarr u ambulanza ħaditu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-kura.
Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi. Ir-raġel ta’ 33 sena qiegħed jinżamm mill-Pulizija għal aktar stħarriġ, filwaqt li linvestigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għadejjin.