Filmat | Operazzjoni mill-Pulizija fil-Furjana ... raġel arrestat b'rabta mal-qtil doppju f'Tas Sliema
Ir-raġel huwa magħruf mal-pulizija fuq numru ta' serqiet oħrajn
More in Kronaka
Ir-raġel huwa magħruf mal-pulizija fuq numru ta' serqiet oħrajn
Il-Pulizija għadha kif arrestat raġel Albaniż ta' 23 sena li kien qiegħed jgħix f'dar - f'kundizzjoni xejn tajba - fil-Furjana u li jidher illi huwa s-suspettat ewlieni fil-qtil doppju f'Tas-Sliema l-ġimgħa l-oħra. Dan l-Albaniż huwa magħruf mal-pulizija fuq numru ta' serqiet oħrajn f'pajjiżna u persuna meqjusa wkoll bħala "perikoluża ħafna."
Jidher illi fil-proprjetà nstabet ukoll l-arma li ntużat fil-qtil tal-ġimgħa l-oħra.
Kelliem għall-Korp tal-Pulizija ikkonferma li saru l-arresti iżda qal li aktar informazzjoni se tkun qed tingħata fil-ħin li ġej.
Il-qtil doppju ta' Christian Pandolfino u tas-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski seħħ il-ġimgħa l-oħra fid-dar ta' dawn iż-żewġ persuni f'Tas-Sliema. Tiri nstemgħu ġejjin mid-dar għall-ħabta tal-10:30 p.m., bil-pulizija jsibu lill-koppja f'għadira demm - wieħed fis-sular ta' isfel u l-ieħor fis-sular ta' fuq tad-dar. Ma' l-ewwel sigħat kienu diġa' nġabru filmati CCTV li kienu juru lil tlett irġiel jaħarbu minn fuq il-post b'basket f'idejhom f'karozza bajda.
Il-karozza, misruqa bi pjanċa misruqa wkoll, hija tat-tip VW Tiguan u nstabet fl-aħħar sigħat. Irriżulta li din kienet nsterqet sentejn ilu mill-istess ċirku ta' kriminali.
Sa issa għadu mhux ċar x'seta' kien il-mottiv: Jekk hux serqa mid-dar li kien magħruf illi kellha ħafna oġġetti ta' valur - inkluż dehebijiet - jew kienx att ta' vendetta kontra l-istess koppja. Pandolfino kien jaħdem fil-qasam finanzjarju u tal-banek, filwaqt li Maciejowski kien kollettur tal-arti.