Jitkisser ċirku ta' droga: Jinstabu żewġ kilos kokaina f'residenza fil-Mosta

Persuni Maltin u oħrajn Russi arrestati wara li jitkisser ċirku ta' droga b'rabtiet ma' barra minn Malta

(Arkivji)
(Arkivji)

Wara diversi jiem t'osservazzjoni, l-Iskwadra ta' Kontra d-Droga rnexxilha tkisser ċirku lokali ta’ traffikar ta’ droga b’konnessjonijiet ma’ barra minn Malta, b’sejba ta’ żewġ kilos kokaina.

Ilbieraħ, il-Pulizija kkonkludiet operazzjoni fejn arrestat ħames persuni; mara ta’ 30 sena residenti ż-Żurrieq li ġiet arrestata ż-Żurrieq, raġel ta’ 30 sena residenti ż-Żurrieq li ġie arrestat Ħal Qormi, tfajla Russa ta’ 22 sena residenti l-Mosta, raġel ta’ 36 sena residenti l-Mosta u raġel ta’ 29 sena residenti l-Imsida li ġew arrestati l-Mosta.

Minn tfittxija li saret f’residenza fil-Mosta ta’ wieħed mill-irġiel, instabu ammont ta’ flus kontanti u diversi pakketti b’sustanza kannella suspettata droga eroina li juru li ma kinux għall-użu personali tagħhom.

Il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud ġie infurmat bis-sejba u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta Maġisterjali.

L-investigazzjoni tal-Pulizija ghada għaddejja filwaqt li l-persuni mistennija jitressqu l-Qorti filjiem li ġejjin.

More in Kronaka