Ħadd ma weġġa' waqt serqa li seħħet ilbieraħ filgħaxija f'ħanut f'San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija rċeviet rapport għall-ħabta tas-6:45pm u marret minnufih fi Triq il-Ħalel fejn jinsab il-ħanut.
Jidher li raġel liebes maskra u armat b'sikkina daħal fil-ħanut u talab il-flus lill-kaxxiera, żagħżugħa ta' 25 sena mill-Ungerija.
Apparti l-flus huwa seraq għaxar pakketti sigaretti, qabel ħarab.
Bil-każ ġiet infurmata l-Magistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella LL.D li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.