Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li żewġ anzjani ta’ 72 u 82 sena mietu lbieraħ filgħaxija waqt li kienu pożittivi bil-Covid-19.
Fl-ewwel każ, anzjana ta’ 72 sena iddaħħlet l-Isptar Mater Dei fis-26 ta’ Settembru, u ġiet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fil-5 ta’ Ottubru. Hija baqħet tingħata kura fl-Isptar Mater Dei, fejn mietet ilbieraħ filgħaxija.
Fit-tieni każ, anzjan ta’ 82 sena li ġie kkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fit-12 ta’ Ottubru.
Huwa ddaħħal l-isptar Mater Dei fit-13 ta’ Ottubru u ġie trasferit fl-Isptar St Thomas fis-16 ta’ Ottubru. Hekk kif il-kundizzjoni tiegħu, qalbet għall-agħar, reġa’ ġie trasferit l-Isptar Mater Dei ilbieraħ, fejn miet aktar tard filgħaxija.
Dan ifisser li l-għadd tal-vittmi tal-Covid-19 issa tela' għal 49.
Intant fl-aħħar 24 siegħa rriżultaw 111-il każ ġdid biex in-numru ta' każi attivi issa tela' għal 1,704. Intant fl-istess perjodu ta' ħin fiequ 53 persuna oħra.