Ritratti | Żewġt irġiel arrestati wara li nstabu fil-pussess tad-droga

Iż-żewġ persuni, Malti u Alġerin, inqabdu f'ħidmiet seperati mill-Pulizija tad-Distrett u mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga

Żewġt irġiel ġew arrestati f’żewġ ħidmiet separati mill-Pulizija tad-Distrett u mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga hekk kif iż-żewġ persuni nqabdu fil-pussess ta’ droga li ma jidhirx li kienet għall-użu personali.

L-ewwel każ huwa ta’ raġel ta’ 31 sena li minn Wied il-Għajn li ġie arrestat wara li fuqu nstabu 29 qartas, suspettata droga kokaina. 

Ir-raġel kien arrestat sbieħ it-Tnejn filgħodu waqt li kien qiegħed isir kontroll tat-traffiku mill- Pulizija tad-Distrett, fi Triq Sant’Antnin, Wied il-Għajn. 

Kienu l-ħdax u nofs ta’ filgħaxija x’ħin il-Pulizija innutat karozza Suzuki li kienet qiegħda tinstaq fid-direzzjoni tagħhom u f’mument minnhom waqfet fil-ġenb tat-triq. 

Il-Pulizija għamlu sinjal lis-sewwieq biex isuq ‘il quddiem, iżda meta s-sewwieq ra lill-pulizija javviċinawh, beda jsuq bil-mod fid-direzzjoni tagħhom u twaqqaf.

Instab li s-sewwieq kellu l-liċenzja tiegħu revokata u b’hekk ġie ordnat biex joħroġ mill-karozza. Saret tfittxija fil-vettura, fil-preżenza tas-sewwieq u nstabu diversi pakketti trasparenti tal-plastik bi trab abjad fihom, x’aktarx droga kokaina. Instab ukoll ammont ta’ flus kontanti. 

F’każ separat, ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn, waslet għall-arrest ta’ raġel Alġerin ta’ 30 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar fuq suspett ta’ traffikar ta' droga mill-Pjazza tal-Balluta. 

Minn tfittxija li saret fuqu ġew elevati boroż b’pilloli suspettati ecstasy, kif ukoll kokaina, ħaxixa u raża tal-kannabis, allegatament lesti biex jiġu ttraffikati. 

Iż-żewġt irġiel mistennija jitressqu l-Qorti llum.

More in Kronaka