Tlitt irġiel Somali ġew arrestati b’rabta ma’ aggressjoni u serqa li saret f’San Ġiljan, fil-21 ta’ Ottubru li għadda.
Kienu għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu, xħin Ungeriż ta’ 27 sena, daħal l-Għassa ta’ San Ġiljan biex jirrapporta li ġie aggredit u misruq minn xi persuni fi Triq San Ġorġ.
L-ewwel investigazzjonijiet urew li wieħed mill-aggressuri qabad lill-vittma minn għonqu u tefgħu fl-art, u l-oħrajn serqulu l-arloġġ u l-oġġetti li kellu fil-but. Wara ħarbu minn fuq il-post.
Minn iżjed stħarriġ, l-irġiel ġew identifikati u arrestati mill-pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri.
It-tliet Somali, tnejn ta’ 24 sena u ieħor ta’ 26 sena, mistennija jitressqu l-Qorti għada, filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin