Mara ta’ 35 sena u tifel ta’ 5 snin residenti ż-Żebbuġ ittieħdu l-Isptar ta’ Għawdex wara li kienu involuti f'inċident tat-traffiku.
L-inċident seħħ dalgħodu, għall-ħabta tat-tmienja fi Triq l-Imgħallem.
Jidher li l-mara tilfet il-kontroll tal-karozza li kienet qed issuq u waqgħet f’għalqa, taħt il-livell tat-triq.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili ssejħu fuq il-post sabiex jassistu filwaqt li l-vittmi ngħataw l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħdu b'ambulanza l-isptar.
Il-mara ġiet iċċertifikata li sofriet minn ġrieħi gravi, filwaqt li t-tifel sofra minn ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.