Żagħżugħ ta' 21 sena nstab ferut mill-Pulizija wara li għall-ħabta tal-10:15pm tal-bieraħ filgħaxija ntalbet l-assistenza tagħha fi Triq l-Għabex, Birkirkara.
Il-Pulizija marret fuq il-post u f’daħla ta’ garaxxijiet, intab iż-żagħżugħ Ingliż ferut.
Jidher li huwa ġie aggredit minn xi persuni li laħqu ħarbu minn fuq il-post sakemm waslet il-Pulizija.
Il-vittma ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei b'ambulanza u ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
Il-Maġistrat tal-Għassa ġie nfurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett u tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri għadhom għaddejjin.