180 persuna tfieq mill-Covid-19 u 151 każ ġdid fl-aħħar 24 siegħa

Intant fl-istess 24 siegħa mietet anzjana oħra bil-Covid-19 għal total ta' 245 persuna li tilfu ħajjithom minn Marzu

Għal jum ieħor - minkejja li n-numru tal-każi ġodda tal-Covid-19 baqa' għoli, dawk li fiequ qabżu fin-numru lil dawk li rriżultalhom il-virus.  Fil-fatt fl-aħħar 24 siegħa fiequ 180 persuna filwaqt li rriżultaw 151 każ ġdid ta' Covid-19. 

Dan ifisser illi bħalissa Malta għandha b'kollox 2,801 każ attiv ta' Coronavirus. 

Intant, fl-aħħar 24 siegħa, mietet anzjana oħra li kienet pożittiva għall-virus bit-total ta' persuni li tilfu ħajjithom minn kemm ilha li faqqgħet il-pandemija jitla' għal 245.  L-anzjana kellha 82 sena.

Intant sal-bieraħ kienu ingħataw 15,316-il doża tal-vaċċin kontra dan il-virus. 

Intant aktar kmieni llum id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ippubblika statistika li turi illi Malta hija fost l-aktar pajjiżi fl-UE li qed tħaffef il-proċess tal-għoti tad-dożi ta' vaċċin għal kull 100 persuna fil-popolazzjoni. 

More in Kronaka