L-aħħar missjoni ta’ Ramiro, bejgħ ta’ figolli għal kawża ġusta
“Ħallejtna imbikkmin u b’qalbna maqsuma. Żagħżugħ mimli ħlewwa u dejjem bi tbissima. Min qatt kellu jgħidilna li wara li għelibt il-marda tal-kanċer meta kellek biss 3 snin kellek tħallina hekk ħabta u sabta.” - Puttinu Cares
minn Marianna Calleja
Ftit tal-jiem ilu tajna l-aħħar tislima liż-żagħżugħ Ramiro Mallia fil- Knisja Kolleġġjata ta' San Ġorġ, Ħal Qormi. Iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena kien għeleb il-marda tal-kanċer ta’ eta żgħira u wara qatta żogħżitu jqajjem kuxjenza dwar il-fondazzjoni Puttinu Cares.
Qabel ħalliena, Mallia kien qed jaħdem fuq inizjattiva li permezz tagħha, il-pubbliku seta’ jixtri l-figolli u fl-istess ħin jgħin lil din il-fondazzjoni.
Ramiro Mallia u l-Puttinu Cares
Ramiro ġie deskritt minn bosta bħala żagħżugħ altruwist u li jfittex dejjem li jgħin lill-oħrajn. Tant hu hekk li sigħat qabel ma’ tilef ħajtu, Mallia kiteb fuq Facebook bl-għan li jħeġġeġ lin-nies jixtru l-figolli, bil-flus imorru b'risq Puttinu Cares.
Ix-xewqa tiegħu xorta baqgħet ħajja wara mewtu tant li sa nhar it-Tlieta li għadda kellhom jieqfu jittieħdu l-ordnijiet tal-figoli għax t-tim responsabbli minn din l-inizjattiva sab ruħu maħkum b’numru ta’ ordnijiet. Bil-kollaborazzjoni ma’ David’s Bakery, il-pubbliku seta’ jixtri l-figolli għal-prezz ta’ €7 u l-flus imorru kollha għal Puttinu Cares.
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ George Debono, il-persuna responsabbli mit-tim li qed jaħdem fuq din l-inizjattiva. Debono spjega li fis-snin ta’ qabel kien isir ‘Cake Sale’ fejn numru ta’ persuni kienu jaħmu l-kejkijiet u wara jbiegħuhom fuq iz-znieter tal-knejjes. Ramiro Mallia kien wieħed minn dawk li kienu stazzjonati, Ħal Qormi, quddiem il-knisja ta’ San Ġorġ.
Din is-sena l-attività kellha tiġi mħassra minħabba l-miżuri l-ġodda tal-COVID-19 u minflok bdiet l-inizjattiva tal-figolli.
‘Ejjew inkomplu fuq il-passi ta' Ramiro Mallia’ - Josef Masini Vento
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ħa d-deċiżjoni li jkompli fuq il-passi ta’ Ramiro Mallia u jkompli jgħin b’din l-inizjattiva. Is-Sindku ta’ din il- lokalità, Josef Masini Vento spjega lil din il-gazzetta li l-Kunsill offra l-post fejn jinġabru l-figolli jew il-bajd tal-Għid.
Mit-Tnejn sal-Ħamis, il-bini tal-Kunsill Lokali f’Ħal Qormi stess kien miftuħ għad-donazzjonijiet tal-pubbliku. Dawn imbgħad inbiegħu fil-Ġimgħa l-kbira mill-Mosta Technopark. Il-qliegħ kollu sintendi mar għal-Puttinu Cares.
Fejn imorru l-flus miġbura minn Puttinu Cares?
Puttinu Cares, fuq il-websajt tagħha, tispjega li d-donazzjonijiet li jinġabru jmorru kollha għall-ħolma tagħha. Din il-ħolma hi “li tiġi ġurnata meta l-ebda pazjent u l-familja tiegħu, li jkunu qed jingħataw trattament barra l-pajjiż, ma jkollhom iħallsu għall-akkomodazzjoni.”
Fil-preżent, il-fondazzjoni diġà qed taħdem biex din il-ħolma issir realtà tant li għandha f’idejha 25 binja f’Sutton, Londra. 19-il binja minnhom huma mixtrija mill-Puttinu Cares filwaqt li s-sebgħa l-oħra huma mikrija għal €120,000 fis-sena.
L-aħħar proġett li qed taħdem fuqu Puttinu Cares hu x-xiri ta’ binja fiċ-ċentru ta’ Londra li se tiġi tiswa madwar £30 miljun.
Puttinu Cares, li ġiet mwaqqfa f’Ottubru tal-2002, hi fondazzjoni li toffri appoġġ lil pazjenti morda bil-kanċer u l-familja tagħhom. Il-prinċipju ta’ solidarjetà hu wieħed b’saħħtu fi ħdan din il-fondazzjoni tant li tiddependi fuq il-karità u l-ġenerożità tal-pubbliku.
Matul is-sena Puttinu Cares torganizza numru ta attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi fosthom, l-akbar avveniment annwali, il-Maratona tal-futbol li s-soltu issir fir-rebbiegħa.
Apparti għajnuna finazjarja, Puttinu Cares toffri wkoll appoġġ lill-familji tal-pazjenti. Fil-każ ta’ tfal, huma joffru gwida għall-ġenituri sabiex jgħinuhom jiġġieldu din il-battalja ma uliedhom filwaqt li jagħtuhom tama għal-futur aħjar. Infatti l-membri dedikati u voluntiera issibhom jaħdmu id f’id mal-professjonalisti fis-sala tal-onkoloġija tat-tfal li tinstab fir-Rainbow Ward f’Mater Dei.