'Seta' kellu konsegwenzi traġiċi' - Tliet kontenituri tal-gass jintremew mal-iskart riċiklabbli

Dan ix-xahar biss instabu wkoll oġġetti perikolużi oħra fosthom skrataċ tas-snieter u flares tad-duħħan mormija mal-iskart li jinħabar mid-djar

Dalgħodu, il-WasteServ identifikat tliet kontenituri tal-gass fost il-materjal riċiklabbli mill-ġbir bieb bieb

Żewġ bottijiet kienu mimlija filwaqt li wieħed minnhom kien vojt, probabbilment minħabba daqqiet sostnuti waqt li kien fit-trakk tal-ġbir tal-iskart.

Dawn il-bottijiet kienu f'borża trasparenti u setgħu jiġu identifikati faċilment qabel ma’ ddaħlu fil-WasteServ.

Fi stqarrija, il-WasteServ qalet li dawn huma atti ta’ irresponsabbiltà kbira.

"Ir-rimi ta’ materjal splussiv permezz tal-ġbir bieb bieb mhuwiex sempliċement barra minn postu imma jista’ jwassal għal konsegwenzi varji u anke għal reati kriminali serjissimi. Sfortunatament, każijiet bħal dawn għadhom realtà u dan ix-xahar biss permezz tal-ġbir tal-iskart riċiklabbli nstabu oġġetti perikolużi oħra, bħal skrataċ tas-snieter u flares tad-duħħan," saħqet il-WasteServ.

Spjegaw kif dan il-każ ġie rrappurtat lill-pulizija.

Saħqet li se tkun qed tagħmel min kollox biex tissalvagwardja lill-ħaddiema tagħha, inkluż jekk ikun meħtieġ billi tipprojbixxi l-aċċess għall-faċilitajiet tagħha lil dawk kollha li ma jkunux qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jiżguraw li l-iskart li jiġi jkun sigur.

More in Kronaka