Il-Pulizija qed tinvestiga omiċidju wara li Filippin ta’ 44 sena, li joqgħod il-Mellieħa, nstab mejjet wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina.
Kien għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart ta’ filgħodu meta mara talbet l-għajnuna tal-Pulizija u qalet li qed tistennihom fi Triq il-Kbira, il-Mellieħa.
Il-mara qalet lill-Pulizija li nqala’ argument bejnha u bejn ir-raġel. Anke hi kellha xi feriti. Madanakollu ma qalitx fejn seħħ l-inċident.
L-istess mara kellha tingħata l-kura u wara ttieħdet il-Kwartieri tal-Pulizija għal aktar stħarriġ.
Madwar l-4:00am, il-mara qalet lill-Pulizija fejn seħħ l-inċident u li ntużat ukoll sikkina.
Il-Pulizija marru fir-residenti, fi Triq il-Fortizza u sabu lir-raġel mixħut wiċċu ‘l isfel fil-kċina u mgħotti b’liżar.
Ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Jirriżulta li r-raġel qala’ daqqiet ta’ sikkina f’sidju u f’għonqu.
Il-mara ġiet arrestata u qed tkun suspettata li wettqet l-omiċidju.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali.