Il-Pulizija jsibu 136 kilo kannabis b'valur ta' madwar €2.5 miljun f'Burmarrad
Jinstabu 136 kilo kannabis b'valur ta' madwar €2.5 miljun...
More in Kronaka
Jinstabu 136 kilo kannabis b'valur ta' madwar €2.5 miljun...
Il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), wettqu operazzjoni f’Burmarrad, wara informazzjoni dwar traffikar tad-droga.
F’din il-ħidma li wasslet għas-sejba ta’ 136 kilo droga suspettata kannabis ġew arrestati erbat irġiel. Il-valur fit-triq ta’ din id-droga ilaħħaq ‘il fuq minn €2.5 miljun.
Din il-qabda hija l-ikbar waħda fis-suq lokali mill-Pulizija din is-sena.
Wara diversi jiem ta’ osservazzjoni fuq il-movimenti tal-erba’ persuni, tard nhar it-Tlieta waranofsinhar, il-pulizija segwew vann li kien qed jinstaq lejn il-Qasam Industrijali ta’ Burmarrad. Hemmhekk, il-vann daħal f’garaxx u f’dan il-mument il-pulizija ċċirkondaw il-post u daħlu. Kien hawn li l-Pulizija mill-Iskwadra ta' Kontra d-Droga kkonfermaw l-investigazzjonijiet, fejn instab ammont kbir ta' laned taż-żebbuġ, li moħbijin fihom instabet id-droga kannabis. Mill-garaxx ġew arrestati żewġt irġiel Maltin, wieħed ta' 30 sena residenti San Ġwann u l-ieħor ta' 26 sena residenti l-Ħamrun.
Sussegwentement ġew arrestati żewġt irġiel oħra, Malti ta' 26 sena residenti Pembroke u Ingliż ta' 43 sena residenti San Ġiljan. Mill-garaxx ġie elevat apparat biex il-kannabis tiġi ppakkjata u ssiġġillata fil-boroż, ammonti żgħar ta' droga suspettata kokaina, ecstasy u amfetamina, flimkien ma` arma tan-nar u munizzjon kif ukoll ammont sostanzjali ta' flus kontanti.
Il-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.
L-irġiel qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana. Huma mistennija jitressqu l-Qorti aktar tard illum, għall-ħabta tat-tlieta ta` waranofsinhar (1500hrs) quddiem il-Maġistrat talGħassa Dr Caroline Farrugia Frendo LL.D. Huma se jkunu akkużati b'assoċjazzjoni fit-traffikar u pussess ta' droga mhux għall-użu personali, fost oħrajn.