Raġel ta' 30 sena, residenti Ħal Qormi, ġie akkużat li allegatament ta daqqiet ta’ sikkina f’idejn raġel ieħor, waqt ġlieda dakinhar tal-festa ta’ Santa Elena f’Birkirkara, nhar il-Ħadd.
L-avukat difensur quddiem il-maġistrat Donatella Frendo Dimech, avża li l-ġlieda ġiet miġbuda fuq video kif ukoll li ż-żona kienet koperta sew minn CCTV u din kienet diġà nġabret fl-inkjesta maġisterjali.
Hu tressaq quddiem il-Qorti illum waranofsinhar minn spettur tal-pulizija u ġie akkużat li kkawża ġrieħi gravi fuq ġisem, li kien qed iġorr arma waqt it-twettiq ta' reat, li ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr liċenzja, li għadda insulti u hedded u li kiser il-paċi pubblika.
L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi u l-avukat tiegħu, talab il-ħelsien mill-arrest. L-Ispettur Agius oġġezzjona minħabba n-natura tal-ġrieħi li sofra l-allegat vittma u minħabba l-fatt li kien hemm xhieda li kienu għad iridu jixhdu.
“Kien hemm vjolenza pubblika. Hemm nies li jafu lill-vittma li għad iridu jixhdu,” qal l-ispettur.
L-akkużat ġie meħlus fuq depożitu ta' €7,000 u garanzija personali ta’ €3,000 filwaqt li jrid jiffirma kuljum fl-għassa tal-pulizija