Sparatura fl-Iklin - Il-vittma kien jieħu lill-akkużat għand il-psikjatra tiegħu
Il-vittma jinsisti li ma semax l-isparatura u lanqas jaf minn fejn ġiet minkejja li t-tiri laqtuh f'wiċċu
More in Kronaka
Il-vittma jinsisti li ma semax l-isparatura u lanqas jaf minn fejn ġiet minkejja li t-tiri laqtuh f'wiċċu
Ġuvni ta' 24 sena mill-Iklin jinsab akkużat li spara u darab raġel ta’ 55 sena f’tilwima fuq flus. Il-vittma hu frodista magħruf u fil-fatt kien dan li wassal biex jitħalla ferut gravi mill-akkużat.
Il-Maġistrat Monica Vella semgħet lill-vittma jixhed, hekk kif dalgħodu kompla l-każ fejn irriżulta li l-akkużat u l-vittma kienu jafu lil xulxin għax il-vittma kultant kien jieħu lill-akkużat biex jara l-psikjatra tiegħu.
Min-naħa tiegħu, il-vittma rrakkonta kif dakinhar tal-inċident kien ħareġ mill-karozza ppejjep sigarett, allegatament iġorr pompa tat-tiolet f'idu. Żied li ma semax l-isparatura u lanqas jaf minn fejn ġiet.
L-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali staqsa lix-xhud kif ma kienx jaf minn fejn ġiet l-isparatura meta ċ-ċomb laqtu f' wiċċu u f'sidru, iżda l-vittma insista li ma jafx.
Xehed ukoll in-nannu tal-akkużat u qal lill-Qorti li kien wasal fuq il-post wara l-pulizija. Uffiċjali kienu qed ikellmu lill-vittma u l-akkużat kien bilqiegħda fuq il-bankina, waħdu. Huwa kien irrabja u widdeb lil neputih wara li qallu li kien spara t-tiri. Żied jgħid li l-akkużat kellu problemi ma' ħafna nies u dejjem kien jitlob il-flus.
Il-ġuvnott huwa akkużat li spara tliet tiri lejn ir-raġel, b’shotgun. Huwa ġie akkużat li kkawża ġrieħi gravi fuq il-vittma, li ġarr arma tan-nar waqt it-twettiq tar-reat, li kkawża biżà, li attakka lill-vittma u li qabeż il-limiti tal-provokazzjoni. Huwa akkużat ukoll li naqas milli jżomm l-arma tan-nar liċenzjata tiegħi f'post sikur, filwaqt li kiser il-kundizzjonijiet tal-liċenzja tiegħu. Dan kollu waqt li kiser il-paċi pubblika u għamel użu ħażin tat-tagħmir elettroniku.
L-akkużat ġie meħlus illum waranofsinhar, fuq depożitu ta' €3,000 u garanzija personali ta’ €4,000. Huwa ġie ordnat ukoll jiffirma l-ktieb fl-għassa darbtejn fil-ġimgħa. Il-każ ikompli fl-4 ta’ Novembru.