Il-Pulizija arrestat tliet persuni u kkonfiskat madwar ħames kilos droga suspettata kokaina, b’valur fit-triq ta’ kważi €600,000.
Fi stqarrija l-Pulizija spjegat kif kienet ilha diversi ġimgħat tosserva persuni li jagħmlu parti minn ċirku internazzjonali tat-traffikar ta’ droga.
L-ewwel arrest seħħ is-Sibt, fejn Spanjola ta’ 20 sena kienet arrestata fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mal-wasla tagħha minn Madrid u fil-pussess tagħha nstabet sustanza suspettata kokaina.
Il-ħidma kompliet matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd fejn ġie arrestat raġel ta’ 30 sena minn Venezwela, u li kien għadu kemm jasal Malta b’titjira minn Madrid ukoll. Huwa kien segwit sa appartament fl-Imsida u ġie arrestat.
L-investigazzjonijiet issoktaw b’osservazzjoni fuq lukanda f’San Ġiljan u lbieraħ ġie arrestat Spanjol ta’ 38 sena fejn instabet aktar droga suspettata kokaina.
Il-Maġistrat Dr Elaine Mercieca qed tmexxi inkjesta Maġisterjali.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja, filwaqt li ż-żewġt irġiel u l-mara se jitressqu l-Qorti llum