Raġel kien arrestat ilbieraħ mill-Pulizija fil-Marsa wara li nstab illi fuqu kellu 16-il pakkett b’sustanza suspettata droga sintetika.
Dan seħħ waqt li l-Pulizija tal-komunità kienet għaddejja ronda fi Triq il-Pitkali, il-Marsa. Ġew innutati erba’ persuni jitkellmu fuq taraġ imma malli raw il-Pulizija, wieħed minnhom qam biex jitlaq minn fuq il-post.
Il-Pulizija ġieha suspett li dan seta kellu xi ħaġa illegali u għalhekk dan ġie mwaqqaf u saritlu tfittxija. Irriżulta li l-persuna, li aktar tard ġie identifikat bħala raġel ta’ 22 sena mill-Gambja, kellu fil-pussess tiegħu 16-il pakkett b’sustanza suspettata droga sintetika.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana u mistenni jitressaq l-Qorti llum, għall-ħabta tal-11:30.a.m, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Lara Lanfranco LL.D.