Jidħol grupp ta' 49 immigrant f'Lapsi s-Siġġiewi aktar kmieni llum

49 persuna - 39 raġel, 4 nisa u 6 tfal minorenni maqbuda fuq il-blat u f’baħar imqalleb

L-immigranti fuq il-blat fl-inħawi ta' Lapsi
L-immigranti fuq il-blat fl-inħawi ta' Lapsi

Illum, għall-ħabta tas-1:30 p.m, il-Pulizija ġew infurmati li fl-akwati ta' Għar Lapsi, is-Siġġiewi kien daħal grupp ta' immigranti.

Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett u tar-Rapid Intervention Unit, fejn raw numru ta’ immigrant maqbudin fuq il-blat taħt l-irdumijiet.

Irriżulta li b’kollox kien hemm 49 persuna - 39 raġel, 4 nisa u 6 tfal minorenni. Peress li kienu maqbuda fuq il-blat u f’baħar imqalleb, issuktat operazzjoni delikata mill-Forzi Armati ta’ Malta sabiex jiġu salvati. Huma ttellgħu fi gruppi żgħar fuq dinghy tal-Forzi Armati u wara għal fuq Patrol Boat.

L-immigranti ddaħħlu l-art f’Boiler Wharf u ngħataw f’idejn il-Pulizija tal-Immigrazzjoni għal aktar investigazzjonijiet.

Mara tqila ttieħdet l-Isptar Mater Dei għall-osservazzjoni. Il-kumplament tal-persuni l-oħra ma kellhomx bżonn assistenza medika. 

More in Kronaka