Investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri wasslu biex fi ftit sigħat ġiet arrestata persuna li allegatament wettqet żewġ hold-ups bejn nhar l-Erbgħa u l-Ħamis illi għadda.
Ilbieraħ filgħodu, il-Pulizija rċeviet rapport li f’Ħal Qormi kien hemm persuna li x’aktarx kienet għadha kemm sgassat vettura pparkjata u serqet xi affarijiet minnha. Minnufih marru l-pulizija u fil-post arrestaw raġel ta’ 38 sena. Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-istess persuna, fl-24 ta’ Novembru, allegatament wettqet hold-up f’ħanut fi Triq Santu Wistin, San Ġiljan u l-għada, l-25 ta’ Novembru allegatament wettqet hold-up ieħor f’ħanut fi Triq it-Tin, Ħal Qormi.
Is-serqa f’Ħal Qormi seħħet għal xis-7:15 p.m u minn stħarriġ li sar irriżulta li ħalliel, armat b’sikkina, daħal fil-ħanut u talab lill-kaxxier il-flus u wara ħarab minn fuq il-post. Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u tressaq il-Qorti dalgħosu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras LL.D.