Il-Pulizija iktar kmieni illum sabu kadavru f'karozza fil-Wied ta' Ħal Qormi, wara li xi ħadd li kien għaddej minn ħdejn il-karozza pparkjata lmenta dwar rwejjaħ suspettużi ħerġin minnha. Kelliem għall-Pulizija fuq il-post qal illi l-kadarvru kien fi stat qawwi ta' dekompożizzjoni u allura kienet għadha se tibda tiġi investigata l-identità tal-persuna.
Il-Kelliem qal ukoll lill-ġurnalisti preżemti illi kollox jindika li dan kien omiċidju.
Jidher ukoll li l-kadavru, meta nstab kien b'wiċċu mgħotti u allura l-identità għadha mhix magħrufa, minkejja li saru mistoqsijiet fuq raġel ta' 62 sena li ftit ġranet ilu kien irrapportat nieqes u li kien irrapportat ukoll mill-pulizija li kien qed jagħmel użu minn karozza tat-tip Peugeot 407, l-istess tip ta' karozza li nstabet f'Ħal Qormi.
Bħalissa fil-Wied ta' Ħal Qormi jinstab kadavru ġewwa karozza pparkjata.
Kelliem tal-Pulizija qal ukoll li l-Pulizija qed tinvestiga mhux biss l-identità tal-persuna imma wkoll il-post fejn seħħ ir-reat, hux fejn tinsab ipparkjata jew inkella post ieħor.
Preżenti fuq il-post hemm diversi pulizija u membri tal-forensika li bħalissa għaddejjin bl-investigazzjoni tagħhom li hija mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella.
(Dan l-artiklu qed ikun aġġornat)